Iffirmata dikjarazzjoni bejn sitt pajjiżi Ewropej għall-koperazzjoni fil-qasam tas-saħħa

Iffirmata dikjarazzjoni bejn sitt pajjiżi Ewropej għall-koperazzjoni fil-qasam tas-saħħa

Ilbieraħ filgħaxija, wara laqgħa li saret f’pajjiżna, ġiet ffirmata dikjarazzjoni storika fejn sitt pajjiżi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea min-naħa t’isfel tal-Ewropa qablu li jikkollaboraw flimkien biex il-poplu jkollu aktar aċċess għall-mediċini ġodda u innovattivi.

Il-Ministri għas-Saħħa li ffirmaw dan il-ftehim ġejjin minn Malta, Ċipru, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja. Dawn il-pajjiżi qablu li jiġi mwaqqaf Kumitat Tekniku biex jesplora modi ta’ koperazzjoni fosthom fejn jidħlu qsim ta’ informazzjoni, jiġu identifikati prattiċi tajbin,  u jiġu esplorati mekkaniżmi biex ikunu negozjati prezzijiet ta’ mediċina u anke joint procurment.

“Ninsab sodisfatt ferm, li din id-dikjarazzjoni, li propju ngħatat l-isem ta’ Valletta Declaration, ġiet iffirmata lbieraħ. Pajjiżi Ewropej ilhom snin twal jippruvaw jilħqu ftehim li se jagħti aktar saħħa lill-Istati Membri biex ikollhom aktar aċċess għall-mediċini u terapiji ġodda. Ninsab konvint li wara din id-Dikjarazzjoni se jkun hawn aktar pajjiżi li jingħaqdu magħna għall-ġid tal-pazjenti Ewropej,” qal il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.

Intant illum f’pajjiżna se tkompli d-diskussjoni ma’ diversi Ministri Ewropej, kif ukoll ma’ kumpaniji tal-farmaċewtika.