Iż-żgħażagħ imħeġġa jagħżlu karriera fin-nursing

Iż-żgħażagħ imħeġġa jagħżlu karriera fin-nursing

Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel l-MUMN, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal li bil-proġetti li qegħdin ikunu mħabbra fil-qasam tas-saħħa, dejjem hemm bżonn ta’ aktar żgħażagħ jitħarrġu għall-infermiera.

Il-Ministru u l-MUMN, indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar kampanja li jorganizzaw l-MUMN kull sena biex irawmu interess fost iż-żgħażagħ u jagħżlu karriera fin-nursing.

Fil-preżent hawn madwar 620 student li qegħdin jistudjaw nursing f’livelli differenti, li madwar 180 minnhom jiggradwaw kull sena u jiġu ngaġġati fis-settur pubbliku.

“Konxji li mhux biss irridu nżiedu struttura fiżika tal-isptarijiet tagħna, iżda rridu nżiedu wkoll l-workforce tagħna, b’nies ta’ kalibru biex inkunu nistgħu nħaddmu l-istrutturi tagħna. Aħna ffurtunati li f’pajjiżna għandna professjonisti fil-qasam tas-saħħa li għandhom dedikazzjoni li ma ssibx bħalha fid-dinja,” qal il-Ministru Fearne.

Il-Ministru żied jgħid li l-qasam tas-saħħa għadda minn żmien ta’ nuqqas serju ta’ nurses minħabba n-numerous clauses li introduċa Gvern Nazzjonalista, fejn għal numru ta’ snin kien hemm biss 30 sa 50 student li tħallew jidħlu għal kors ta’ infermiera.