Kura ġdida għall-kanċer tal-bużżieqa tal-awrina

Kura ġdida għall-kanċer tal-bużżieqa tal-awrina

Bħala parti mill-wegħda elettorali tal-Gvern li jkomplu jiżdiedu l-mediċini b’xejn għall-kura tal-kanċer, tliet ġimgħat wara l-elezzjoni, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar medicina ġdida fuq il-formolarju tal-Gvern għall-kura tal-kanċer tal-bużżieqa tal-awrina.
Il-mediċina mitomycin C se tkun qed tintuża għall-kura ta’ tip ta’ kanċer  fil-bużżieqa tal-awrina. Din il-kura ġdida li se tkun qed tingħata mill-isptar se tkun qed tnaqqas il-probabbiltà li jerġa’ jitrabba l-kanċer, wara li jkun tneħħa b’operazzjoni. Barra minn hekk din il-kura ġdida tnaqqas iċ-ċans  li l-kanċer jinfirex barra mill-bużżieqa tal-awrina.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li se jkunu madwar 300 pazjenti fis-sena, li se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn dan it-trattament ġdid. “Fil-budget ta’ din is-sena ġew allokati €3 miljuni għall-mediċini tal-kanċer, filwaqt li matul din il-leġiżlatura se nkunu qegħdin naraw li bi pjan indaħħlu l-mediċni tal-kanċer kollha, skont protokolli maqbula mat-tobba,” qal il-Ministru Fearne.
Il-Ministru għas-Saħħa fakkar li aktar kmieni din is-sena bdiet tingħata b’xejn il-mediċina capecitabine għall-kanċer tas-sider, tal-frixa u tal-musrana, fejn minn Frar sa issa bbenefikaw minn din il-mediċina 102 pazjenti.
Il-Ministru Fearne qal li l-Gvern għandu pjan dettaljat ta’ kif se jkomplu jiddaħħlu l-mediċini għall-kanċer b’xejn biex sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura jkunu ddaħħlu l-mediċini kollha.