75 tarbija permezz tal-IVF f’Mater Dei

75 tarbija permezz tal-IVF f’Mater Dei

Minn meta tnieda s-servizz tal-IVF fl-Isptar Mater Dei twieldu 75 tarbija, fosthom 11-il sett ta’ tewmin. Dan, għalina lkoll, iżda speċjalment għall-koppji li ffurmaw familja u dawk li qegħdin fil-preżent jistennew tarbija jfisser miraklu.
Dan qalu fil-Parlament il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, hekk kif qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Il-Ministru Fearne qal li fiż-żmien li ġej se jkunu diskussi emendi ma’ din il-liġi, biex aktar familji jkunu jistgħu jesperjenzaw il-miraklu tal-ħajja.
Intant, id-dokumenti diskussi llum huma r-Rapport Annwali tal-2016 tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni, audited accounts tal-2016 u l-estimi għas-sena 2017.
Skont ir-Rapport Annwali matul is-sena li għaddiet f’pajjiżna sar 273 ċiklu ta’ IVF, li 202 minnhom saru Mater Dei. Dawn iċ-ċikli rriżultaw f’64 tqala, li minnhom seba’ ommijiet sofrew korriment.
Permezz ta’ dawn iċ-ċikli bbenefikaw 228 koppja, hekk kif kien hemm 43 koppja li għamlu żewġ ċikli, u koppja li għamlet tliet ċikli. Fl-2016 kien hemm għaxar pazjenti li kellhom il-gametes tagħhom trasferiti bejn kliniċi f’Malta, filwaqt li kien hemm koppja li kellhom il-bajd li ġie trasferit barra l-pajjiż.
Kien hemm total ta’ 23 koppja li ma kellhom l-ebda embrijun biex jiġi trasferit, 150 koppja kellhom 2 embrijuni, 46 koppja kellhom embrijun wieħed, filwaqt li 53 koppja kellhom tliet embrijuni.