Malta ċentru internazzjonali ta’ tagħlim mediku

Malta ċentru internazzjonali ta’ tagħlim mediku

Il-viżjoni tal-Gvern hi li jagħmel minn Malta ċentru internazzjonali ta’ tagħlim mediku. Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta dalgħodu inawgura programm ta’ Masters in Orthodontics li qed jitmexxa mill-LUDES Higher Education Institution, istitut magħruf fil-qasam ta’ tagħlim u taħriġ mediku fl-Isvizzera.

Il-Ministru semma kif dan il-programm ikompli jgħaqqad ma’ dak li diġà beda f’pajjiżna, fosthom l-iskola medika ta’ Barts li se tkun qed tilqa’ l-ewwel studenti minn Settembru li ġej f’Għawdex, kif ukoll il-korsijiet tan-nursing li se jibdew minn Northumbria Nursing School u wkoll il-korsijiet offruti mir-Royal College of Surgeons in Ireland u r-Royal College of Surgeons of Edinburgh. “Illum qed nagħmlu minn pajjiżna ċentru ta’ tagħlim mediku u propju l-kors li qed jibda llum f’pajjiżna mill-Ludes qed jilqa’ 25 student li ġejjin minn pajjiżi diversi. Dawn l-istudenti se jkunu qed isegwu dan il-kors fuq numru ta’ snin u allura se nkunu qed nospitaw aktar studenti li qed jiġu jitħarrġu f’pajjiżna.”

Il-Ministru Fearne kompla jgħid li dawn l-istituzzjonijiet ta’ tagħlim u taħriġ mhux biss jagħmlu ġieħ lil Malta imma wkoll se jkunu qed jgħinu biex inkomplu nsaħħu l-ekonomija. “Dawn l-istudenti barranin, apparti li qed jiġu jitgħallmu ma’ skejjel u universitajiet magħrufa, se jkunu qed igawdu wkoll mis-sbuħija ta’ pajjiżna u dak kollu li noffru. Huma korsijiet ukoll li qed joffru liż-żgħażagħ u studenti Maltin opportunitajiet oħra fejn jistgħu jitħarrġu u dan jawgura tajjeb meta jiġu biex jagħmlu l-għażla tal-karriera tagħhom”, temm jgħid il-Ministru Chris Fearne.