Mediċina oħra tal-kanċer bla ħlas

Mediċina oħra tal-kanċer bla ħlas

Minn din il-ġimgħa ddaħħlet mediċina ġdida oħra tal-kanċer fuq il-formularju tal-Gvern. Din il-mediċina, Azacitidine, hija importanti għal ċertu każijiet ta’ leukaemia, li huwa kanċer fid-demm.

“Din il-ġimgħa se nkunu qegħdin nestendu b’mediċina oħra l-lista ta’ mediċini ġodda għall-kanċer li qed jingħataw bla ħlas mill-Gvern. Nemmnu li persuna li tkun għaddejja minn żmien daqshekk delikat f’ħajjitha għandha ssib kull għajnuna possibbli. Huwa għalhekk li mill-budget ta’ din is-sena ġew ivvutati €3 miljun speċifikament għall-mediċini tal-kanċer”, qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Din il-mediċina se tkun qed tintuża fuq persuni anzjani li, minħabba raġunijiet varji, ma jistgħux jingħataw it-trattamenti standard għal dan it-tip ta’ kanċer. L-Azacitidine tista’ tingħata wkoll bħala mediċina outpaient u għalhekk se tkun qed tnaqqas il-bżonn li pazjenti jiddaħħlu l-isptar għat-trattament, kif ukoll tnaqqas il-bżonn ta’ trasfużjoni tad-demm jew platelet.

Din hija r-raba’ mediċina għall-kanċer li ġiet introdotta din is-sena fil-formularju tal-Gvern.

Fil-bidu tas-sena bdiet tingħata mingħajr ħlas il-Capecitabine li qed tintuża għall-pazjenti b’kanċer fis-sider, stonku, fwied u frixa. S’issa huma ‘l fuq minn 100 il-pazjenti li diġà bbenefikaw minn din il-mediċina.

Iddaħħlet ukoll il-Mitomycin C, li hija kura ġdida li tingħata l-isptar permezz ta’ teknoloġija ġdida. Huwa stmat li madwar 300 pazjent fis-sena se jkun qed jibbenifika minn din il-kura ġdida għall-kanċer tal-bużżieqa tal-awrina.

It-tielet mediċina hija mediċina għall-kanċer tal-prostata, l-Enzalutamide, li se jkunu qed igawdu minnha 50 pazjent fis-sena.

“Matul din is-sena se nkunu qegħdin inżidu l-mediċini ġodda għall-kura tal-kanċer. Hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali għall-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju, se nkunu qegħdin indaħħlu l-mediċini ġodda tal-kanċer fuq il-formularji tal-Gvern matul din il-leġiżlatura. B’din il-wegħda, li diġà bdiet issir realtà, se nkunu qegħdin nagħtu dinjità u tama ġdida lil pazjenti milquta minn din il-marda”, qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.