Servizz ġdid għal dawk il-pazjenti li jkunu sofrew ‘stroke’

Servizz ġdid għal dawk il-pazjenti li jkunu sofrew ‘stroke’

Pazjenti li jkunu qegħdin jirkupraw saħħithom lura wara li jkunu sofrew stroke issa jistgħu jagħmlu dan f’unit ġdida fl-Isptar Karin Grech – b’kollaborazzjoni bejn l-Isptar Mater Dei u VGH.

Din il-unit tispeċjalizza f’terapija u hi kompluta b’gym apposta bil-ħsieb li tgħin lil dawn il-pazjenti fir-riabilitazzjoni tagħhom.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar snin fl-Isptar Mater Dei żdiedu sew is-servizzi ta’ kura minn stroke, fosthom l-investiment ta’ żewġ miljun ewro għal angiosuite ġdida kif ukoll il-proċedura ta’ stroke retrieval treatment biex jinġibed blood clot bl-inqas mod invażiv lill-pazjent.

“Il-unit li ġiet inawgurata fl-aħħar jiem fl-Isptar Karin Grech hi kontinwazzjoni ta’ aktar servizzi għall-persuni li jkunu qegħdin ibatu bi stroke. Din il-unit se tkun ukoll ta’ kollaborazzjoni u ta’ kontinwità bejn is-servizzi offruti f’Mater Dei u dawk offruti fl-Isptar San Luqa”, spjega d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.