Mediċini ġodda tal-kanċer, investiment fir-riżorsa umana u infrastruttura fost il-kisbiet fis-saħħa fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura

Mediċini ġodda tal-kanċer, investiment fir-riżorsa umana u infrastruttura fost il-kisbiet fis-saħħa fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar id-dħul tar-raba’ mediċina ġdida għall-kanċer f’din il-leġiżlatura u l-ħruġ ta’ tender ta’ €26 miljun għall-proġett tal-Paola Hub.

“F’dawn l-aħħar 100 jum daħħalna tliet mediċini oħra tal-kanċer fuq il-formularju tal-Gvern. Illum qegħdin inħabbru r-raba’ mediċina f’dan l-aħħar tliet xhur, mediċina li se tkun qed tintuża fost pazjenti b’kanċer fl-ovaries u kanċer fl-għonq tal-ultru. Dawn il-mediċini se jkunu qed ifissru trattament aħjar għal madwar 400 pazjent, b’kanċer differenti u fi stadji differenti,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.

Huwa ħabbar ukoll li t-Tlieta se jkun qed jiġi ppubblikat it-tender għax-xogħlijiet għall-proġett tal-Paola Hub. It-tender tad-design and built għaċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa ta’ dan il-hub se jiswa €26 miljun.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħ qal li minbarra proġetti ta’ infrastrutura u ta’ servizzi ġodda, f’dawn l-ewwel mitt jum kompliet ukoll il-ħidma f’dak li għandu x’jaqsam ir-riżorsi umani.

Fost dawn semma ħlas li se jsir lill-infermiera u qwiebel, għal żball li sar taħt Gvern Nazzjonalista, ħlas li jammonta għal €1.7 miljun u li bih se jkunu qegħdin jibbenefikaw 2,400 infermier.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne semma wkoll iż-żieda fir-riżorsa umana fejn fl-aħħar ġimgħat żdiedu in-numru ta’ infermiera u tobba ġodda b’madwar 275.

Inizjattiva oħra li semma d-Deputat Prim Ministru li saret matul dawn it-tliet xhur, hija li bdew jingħataw l-isticks b’xejn biex ikun iċċekkjat id-dijabete, lil dawk li għandhom dijabete tat-Tip 2 u qegħdin fuq l-insulina. Sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu qegħdin jingħataw lil dawk kollha li qegħdin fuq l-insulina, filwaqt li sal-aħħar tas-sena d-dieħla se jkunu qegħdin jingħataw ukoll lil dawk li għandhom id-dijabete tat-Tip 2 kollha.

“Fost l-inizjattivi li bdejna matul dan is-sajf, kellna wkoll in-neonatal hypothyrodism screening, test fit-trabi, li nbidel il-mod kif kien qiegħed isir biex ikun aktar effiċjenti. Minn Lulju sal-bieraħ ittestjajna b’din it-teknika ġdida ’l fuq minn elf tarbija,” qal Chris Fearne.

Huwa żied jgħid li matul il-ġranet, ġimgħat, xhur u snin li ġejjin il-ħidma fil-qasam tas-saħħa, bħal f’oqsma oħra se tkompli biex verament ikollna l-aqwa żmien ta’ pajjiżna.