Ċentru tas-Saħħa ġdid sas-sajf li ġej f’Ħal Kirkop

Ċentru tas-Saħħa ġdid sas-sajf li ġej f’Ħal Kirkop

Waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ra x-xogħlijiet li għaddejjin f’dan iċ-ċentru tas-saħħa biex mis-sajf li ġej ikun qed jilqa’ fih l-ewwel pazjenti.

Iċ-ċentru tas-saħħa ġdid li se jinfetaħ f’Ħal Kirkop se jkun l-ewwel ċentru tas-saħħa ġdid f’għexieren ta’ snin. Dan iċ-ċentru se jkun qed jaqdi l-ħtiġijiet ta’ madwar 28,000 ruħ li joqgħodu f’Ħal Kirkop u bliet u rħula fil-viċin, persuni li sal-lum għadhom qegħdin jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.

“Dan huwa Gvern li jemmen fis-saħħa primarja; fil-fatt se nkunu qegħdin ninvestu aktar fis-saħħa primarja. Bħalissa l-proġett tal-Paola Hub għaddejj mill-proċess ta’ tender, filwaqt li fil-jiem li ġejjien se jkun qed jibda x-xogħol fuq berġa ġdida fix-Xewkija, Għawdex”, qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.

Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop mhux biss se jkollu s-servizz ta’ tabib tal-familja, iżda se jkun qed joffri diversi servizzi oħra, fosthom ta’ kliniċi speċjalizzati b’konsulenti.

​​​