Se tiġi estiża l-iskema tal-‘glucose sticks’ għal dawk kollha li qegħdin bl-insulina

Se tiġi estiża l-iskema tal-‘glucose sticks’ għal dawk kollha li qegħdin bl-insulina

Minn din il-ġimgħa se tiġi estiża l-iskema ta’ sticks b’xejn biex jiġi ċċekkjat iz-zokkor ta’ dawk li għandhom id-dijabete Type 2 u li qegħdin fuq l-insulina.

Id-dijabete – li llum qed jitfakkar il-jum internazzjonali għall-għarfien tagħha – hi kundizzjoni li taffettwa ħafna Maltin. Hu stmat li madwar 10% tal-popolazzjoni f’pajjiżna hi dijabetika.

Fl-aħħar snin tnieda pjan nazzjonali għad-dijabete li jirrikonoxxi l-bżonn li d-dijabetiċi jiċċekkjaw iz-zokkor tagħhom regolarment. Għal dan l-għan, mis-sena li għaddiet bdew jingħataw sa 4 glucose sticks kuljum lid-dijabetiċi Type 1.

Minn din is-sena beda proġett pilota biex jibdew jingħataw sa 4 glucose sticks kuljum lil dawk b’dijabete Type 2 u li qegħdin fuq l-insulina. Il-proġett pilota beda fis-sajf li għadda u kien jinkludi lil dawk li jiġbru l-mediċini tagħhom mill-ispiżeriji tal-Gudja, ta’ San Ġiljan, tal-Imġarr (Malta) u ta’ Kerċem f’Għawdex. Minn din il-ġimgħa dan il-proġett se jkun estiż ftit ftit madwar Malta u Għawdex biex sa tmiem is-sena dawk kollha li għandhom id-dijabete Type 2 u li qegħdin fuq l-insulina jkunu qegħdin jibbenefikaw.

Dawk intitolati se jirċievu ittra fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin mill-POYC li tispjega meta se jkunu jistgħu jibdew jiġbru l-glucose sticks tagħhom.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar snin saru passi importanti f’dak li għandu x’jaqsam id-dijabete. “Mhux biss introduċejna l-proġett tal-glucose sticks – li s-sena d-dieħla se jiġi estiż għad-dijabetiċi Type 2 kollha – iżda anke introduċejna mediċini importanti. Kien ilu ma jkollna mediċini ġodda introdotti fil-formularju tal-Gvern għad-dijabete għexieren ta’ snin. Fl-aħħar snin rajna l-introduzzjoni tal-gliptins u tar-repaglindie – mediċini li qed jagħmlu differenza”, qal id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.