€142 miljun f’mediċini mill-POYC f’għaxar snin

€142 miljun f’mediċini mill-POYC f’għaxar snin

Bħalissa qed jiġi mfakkar l-għaxar anniversarju tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC). Matul is-snin in-numru ta’ klijenti u n-numru ta’ mediċini li jiġu mqassma minn din is-sistema qiegħed kulma jmur dejjem jikber. 

Fuq medda ta’ għaxar snin l-ispejjeż f’mediċini għall-POYC kien ta’ madwar €142 miljun. In-numru, kemm bħala flus f’mediċini, kif ukoll bħala numru ta’ klijenti tal-POYC, dejjem baqa’ jikber u jiżdied ma’ kull sena li tgħaddi.

F’kelmtejn tal-okkażjoni waqt riċeviment li sar biex jikkomemora dan l-avveniment, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-POYC hija waħda mill-istejjer ta’ suċċess fil-qasam tas-saħħa.

“Fl-2008, il-POYC beda b’28,827 klijent; illum għandna 153,367 persuna li kull xahrejn jiġbru l-mediċini tagħhom mill-POYC. Bil-POYC spiċċaw darba għal dejjem il-queues ma jaqtgħu xejn mill-ispiżeriji tal-Gvern. Kien hemm żmien qabel il-POYC fejn il-kwistjoni kienet jekk għandiex tinbena tinda biex in-nies jistkennu mill-elementi huma u jistennew f’dan il-queue ma’ jaqta’ xejn. Illum din hi storja li ntesiet. Fl-aħħar snin ukoll għelibna waħda mill-akbar problemi li kienet għadha qed tiffaċċja l-POYC—dik tal-mediċini out ofstock”, qal Chris Fearne.

Huwa tkellem ukoll dwar id-diversi servizzi oħra li fl-aħħar snin ukoll bdew jiġu offruti mill-POYC, fosthom, il-one-stop-shop, l-iskema tas-coeliac, it-tqassim ta’ mediċini fid-djar lil dawk li għandhom ’il fuq minn 70 sena, it-twassil id-dar ta’ mediċini u prodotti tqal, u anke l-istrateġija tad-dijabete. ​