It-tobba favur is-sigurtà fit-toroq

It-tobba favur is-sigurtà fit-toroq

Grupp ta’ tobba nedew l-NGO Doctors 4 Road Safety (D4RS) bl-għan li tikber kuxjenza fost is-sewwieqa Maltin sabiex joqogħdu aktar attenti meta jsuqu u b’hekk jevitaw inċidenti tat-traffiku.

Waqt li żar l-inizjattiva li ttellgħet fl-Università ta’ Malta, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li f’pajjiżna jkollna madwar 20 persuna li ta’ kull sena titlef ħajjitha minħabba inċidenti tat-traffiku.

“Nirringrazzja lit-tobba kollha li ssieħbu ma’ din l-inizjattiva. Huma l-persuni li jaraw il-konsegwenzi koroh ta’ inċidenti tat-traffiku. Ilkoll kemm aħna għandna noqogħdu attenti mill-perikli, ma nixorbux jekk inkunu se nsuqu, u ma nibagħtux messaġġi bil-mobile. Dan sabiex ma nkunux numru ieħor,” kompla jgħid id-Deputat Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu is-Segretarju ta’ D4RS Tonio Piscopo qal li minbarra l-fatalitajiet li jseħħu, numru akbar ta’ nies iweġġgħu serjament minħabba inċidenti tat-traffiku. Huwa kompla jgħid li l-għan ta’ din l-NGO hija li n-numru ta’ persuni mejta u feruti kawża ta’ inċidenti tat-traffiku jiġi eliminat għal kollox.

Intant, l-ewwel attività ta’ D4RS għandha t-tema ‘Driving home safely for Christmas’.