Niċċelebraw il-104 wild bl-IVF

Niċċelebraw il-104 wild bl-IVF

Il-Ministeru għas-Saħħa lbieraħ laqa’ fi ħdanu trabi u tfal ċkejknin li twieldu permezz tas-servizz tal-IVF offrut fl-Isptar Mater Dei.

Minn meta beda jiġi offrut is-servizz tal-IVF f’Mater Dei sa minn Jannar 2015, minn dakinnhar sal-lum twieldu total ta’ 104 tarbija—61 tifla u 43 tifel.

“Fil-politika jkollna nieħdu ħafna deċiżjonijiet diffiċli, iżda żgur waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti kienet dik li nibdew l-IVF fl-Isptar Mater Dei”, qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Fil-preżent ’il fuq minn 30 koppja qegħdin jistennew tarbija, ukoll bis-servizz ta’ IVF li sar fl-Isptar Mater Dei.

“Nafu kemm sagrifiċċji jgħaddu minnhom koppji li jagħmlu l-IVF, iżda dan kollu jintesa meta llum qegħdin hawn bit-trabi tagħkom f’idejkhom. Se nkunu fix-xhur li ġejjin qegħdin naħdmu bħala Gvern biex naraw li aktar koppji jkunu eleġibbli biex jagħmlu IVF, biex aktar koppji jesperjenzaw il-ferħ li jġibu l-ulied”, qal id-Deputat Prim Ministru.