Is-sena li għaddiet saru ’l fuq minn 23,000 MRI

Is-sena li għaddiet saru ’l fuq minn 23,000 MRI

Matul l-2017 saru total ta’ 23,307 test tal-MRI fl-Isptar Mater Dei, qal id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed jindirizza l-Joint Surgical and Radiological Symposium.

Dan is-symposium ittella’ fl-Isptar Mater Dei bil-għan li jkabbar aktar l-għarfien fil-professjoni medika dwar kif ir-radjoloġija tista’ tgħin aktar lill-kirurġija.

Id-Deputat Prim Ministru qal li bħala tabib jiftakar l-ewwel CT scan fl-Isptar San Luqa li kienet tintuża madwar darba fil-ġimgħa. Qal li minn dak iż-żmien ’l hawn il-qasam tar-radjoloġija għamel passi ta’ ġgant ’il quddiem u llum hu essenzjali biex konsulent jagħmel l-aktar dijanjosi preċiża possibbli.

Id-Deputat Prim Ministru qal li f’dawk li huma CT scans tlajna minn 18,000 fl-2010 għal 37,757 fl-2017.

Fl-aħħar snin, fid-Dipartiment tal-Medical Imaging fl-Isptar Mater Dei sar investiment kbir u fost l-oħrajn hemm MRI, CT Scanner u anke Angiosuite ġodda, b’total ta’ investiment fl-aħħar snin ta’ madwar €7 miljun.