Fix-xhur li ġejjin se tkun introdotta l-continuous glucose monitoring għat-tfal bid-dijabete

Fix-xhur li ġejjin se tkun introdotta l-continuous glucose monitoring għat-tfal bid-dijabete

It-teknoloġija moderna qed tkun u se tkompli tkun ta’ benefiċċju għall-pazjenti Maltin. Fost oħrajn fix-xhur li ġejjin se tkun introdotta f’pajjiżna l-continuous glucose monitoring, patches li jitwaħħlu fuq il-ġilda li kontinwament jaqraw il-livell taz-zokkor għal tfal dijabetiċi. Aktar minn hekk, il-qari tal-livelli taz-zokkor, minflok jibqa’ f’idejn il-pazjent se jkun imqabbad ma’ sistema (remote patient monitoring) fejn is-sistema tas-saħħa tkun qed tirċievi din l-informazzjoni u tieħu azzjoni jekk ikun hemm bżonn.

Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt laqgħa li l-kumpanija internazzjonali tal-IT, IBM, tellgħet f’pajjiżna.
Id-Deputat Prim Ministru qal li jinsab onorat li kumpanija prestiġġjuża bħall-IBM għażlet lil pajjiżna għal din il-laqgħa. “Dan kollu huwa xhieda tal-proġetti li qegħdin isiru f’pajjiżna fil-qasam tat-teknoloġija medika, fejn apparti r-remote patient monitoring qegħdin naħdmu wkoll fuq teknoloġija robotika kemm fil-qasam tat-tqassim tal-mediċini, kif ukoll teknoloġija robotika waqt l-operazzjonijiet”, qal id-Deputat Prim Ministru.