BLOG: Il-Kummissjoni ta’ Venezja

BLOG: Il-Kummissjoni ta’ Venezja

Il-Kummissjoni ta’ Venezja

Nhar it-Tnejn li għadda l-Kamra tad-Deputati approvat ħames mozzjonijiet li permezz tagħhom għaddew mill-istadju tal-Ewwel Qari ħames Abbozzi ta’ Liġijiet maħsubin biex jimplimentaw rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni ta’ Venezja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li kienet żaret Malta fuq stedina tal-Gvern Malti s-sena li għaddiet. Dawn l-Abbozzi ta’ Liġi jaħsbu biex ikomplu jwettqu riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja fejn jirrigwarda l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika; Pulizija; Kummissjonijiet Kostituzzjonali; Ombudsman u Servizz Pubbliku.

Akkumpanjat mill-Ministru kollega Dr Owen Bonnici konna ltqajna mal-membri tal-Kummissjoni ta’ Venezja f’Novembru li għadda. Aġġornajnihom b’dak li l-Gvern għamel f’dawn is-setturi mill-2013 ‘il hawn. Konna għamilniha ċara wkoll kif il-Gvern Malti ma jiddejjaq xejn ikompli jirriforma fejn hemm bżonn, aktar u aktar wara li l-Gvern kien diġà wera dan bl-aktar mod konkret meta daħħal il-Liġi tal-Preskrizzjoni li permezz tagħha Membru Parlamentari jibqa’ suġġett għal kull xorta ta’ investigazzjoni għal għomru kollu, kif ukoll daħħalna l-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.

Fit-18 ta’ Diċembru li għadda ħarġet l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-Arranġamenti Kostituzzjonali, is-Separazzjoni tal-Poteri, l-Indipendenza tal-Ġudikatura u l-Infurzar tal-Liġi. Il-prijoritajiet ewlenin huma r-rakkomandazzjoni rigward il-prosekuzzjoni u dawk dwar il-ħatriet fil-Ġudikatura u d-dixxiplina tal-Ġudikatura.

F’inqas minn 100 ġurnata mill-wasla tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, il-Gvern qiegħed jaġixxi u sas-sajf li ġej mistennija li tkun għaddiet il-liġi li tissepara r-rwoli prosekutorjali u ta’ konsulenza legali tal-Avukat Ġenerali. Dwar dan il-punt ma nafx għandekx tibki jew tidħak meta tisma’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Gvern kien se jaġixxi għax pressat mill-Oppożizzjoni u li dawn l-affarijiet imissu ilu li għamilhom. Tibki jew tidħak għax dan ir-rwol doppju min-naħa tal-Avukat Ġenerali ilu jiġi eżerċitat sa mis-sena 1936, ilu jitħaddem 83 sena, li matulhom kellna mhux Gvern wieħed jew tnejn iffurmat mill-Partit Nazzjonalista u allura kellhom żmien aktar minn biżżejjed biex ibiddlu dak li llum qed jgħidu li riedu jkunu huma biex se jinbidel!

Huwa fatt magħruf li fejn jirrigwarda ħatriet fil-Ġudikatura u d-dixxiplina tal-Ġudikatura diġà għamilna riformi u naqblu ma’ iktar riformi f’dan is-settur. Sadattant ħafna mill-bidliet proposti jeħtieġu l-qbil ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. Għal dan il-għan il-Gvern se jimbarka fuq proċess ta’ konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni Parlamentari bil-għan li jintlaħaq qbil kemm jista’ jkun malajr.

Dak li nhar it-Tnejn li għadda l-Kamra tad-Deputati approvat mill-istadju tal-Ewwel Qari jirrappreżenta terz tal-bidliet li dwarhom tkelmet il-Kummissjoni ta’ Venezja. Li tagħmel dak li għamilna f’kolp wieħed huwa aktar minn mera ċara tad-determinazzjoni li għandna li nkomplu nirriformaw fuq dak li diġà rriformajna, tant li n-numru ta’ bidliet kostituzzjonali u legali li l-Gvern implimenta mill-2013 ‘il hawn ġie nnutat favorevolment mill-Kummissjoni ta’ Venezja.

 

********

INFAKKRU L-40 SENA MILL-KISBA TAL-ĦELSIEN

 

Għada, il-Ħamis 28 ta’ Marzu, fis-6.00 ta’ filgħaxija niltaqgħu f’riġlejn il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu biex infakkru l-40 sena minn din il-ġrajja storika. Minn meta ksibna darba għal dejjem il-veru ħelsien mill-barrani. Minn meta ngħalqet il-bażi militari tal-barrani fostna. Kisba pjanata mill-Perit Dom Mintoff li b’viżjoni mill-aqwa għaraf ixettel fil-poplu Malti u Għawdxi l-mentalità, ir-rieda u d-determinazzjoni li verament imexxi lilu nnifsu bil-mod kif jaqbel lilu. Nissel fil-poplu fiduċja fih innifsu.

Erbgħin sena ilu, fil-31 ta’ Marzu 1979, qtajna l-aħħar ħoloq li kienu jżommuna marbutin man-neo-kolonjaliżmu Ingliż wara li konna ngħatajna l-Indipendenza f’Settembru 1964. F’Marzu 1979 rajna ġie kompletament f’idejna, stajna nfasslu ħajjitna bil-mod li nemmnu li huwa fl-aħjar interess tagħna. Li ma kienx għal dik il-ġrajja storika pajjiżna ma jinsabx fejn jinsab illum.

Il-Perit Dom Mintoff u l-Gvern immexxi minnu dakinhar ħaqqhom il-ħajr dejjiemi tal-poplu Malti u Għawdxi. Kienu huma li għamluna poplu verament ħieles u sovran.