Studenti universitarji jiddiskutu l-‘blockchain’ fil-qasam tas-saħħa

Studenti universitarji jiddiskutu l-‘blockchain’ fil-qasam tas-saħħa

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-qasam tas-saħħa f’pajjiżna diġà qaleb għal sistema fejn ir-records tal-pazjent jinżammu b’mod elettroniku. Permezz ta’ din is-sistema—myHealth—it-tabib tal-familja m’għadux jiddependi miċ-ċertifikat mediku tar-rilaxx mill-isptar tal-pazjent tiegħu biex ikun jaf x’sar tul il-proċess mediku, imma għandu aċċess elettroniku għall-proċeduri mediċi kollha li jkunu saru. Sal-lum, it-tobba tal-familja għandhom aċċess għall-informazzjoni ta’ madwar 60,000 ruħ.

Id-Deputat Prim Ministru qal dan meta flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli kien qed jieħu sehem f’diskussjoni fuq il-kampus tal-Università ta’ Malta, mtellgħa mill-għaqda studenteska Pulse flimkien mal-Istudents’ Futsal Team tal-Università. L-attività, li ġiet fi tmiemha llum, kienet mifruxa fuq tlett ijiem u kellha bħala tema ‘Unlocking Blockchain – The Students’ Summit’.

Id-Deputat Prim Ministru rrefera għall-problema li ssib persuna li jista’ jkollha bżonn kura medika meta tkun barra mill-pajjiż peress li t-tobba ta’ dak il-pajjiż ma jkunux reġistrati mal-pajjiż tal-persuna in kwistjoni, u allura tinħoloq problema ta’ kontinwità fl-għoti tal-kura meħtieġa. Blockchain se tibdel dan ix-xenarju kompletament peress li l-informazzjoni dwar il-pazjent ma tibqax tal-istituzzjoni fejn tkun ingħatat il-kura, imma tkun tal-pazjent innifsu u jkun jista’ jġorrha miegħu. Dan se jkun l-ewwel benefiċċju tal-blockchain.

Meta ġie trattat is-suġġett tal-benefiċċji tat-teknoloġiji ġodda, fosthom ir-robotika u t-3D printing, id-Deputat Prim Ministru qal li fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna diġà bdejna bis-sistema tar-robotika fejn jirrigwarda tqassim ta’ pilloli, u huwa mistenni li sal-aħħar tas-sena jew kmieni fis-sena 2020 ir-robot ikun sab postu anke fit-teatri tal-operazzjonijiet f’Mater Dei.

“Li rridu nuru huwa li blockchain tagħti servizz aħjar milli għandna u kemm din is-sistema toffri sigurtà tad-data. Huwa eżattament dan li qegħdin nagħmlu bħala pajjiż bil-leġiżlazzjoni relatata ma’ dan l-iżvilupp teknoloġiku daqstant qawwi”, qal id-Deputat Prim Ministru.