BLOG: Tislima u merħba

BLOG: Tislima u merħba

Illum, l-Erbgħa, 3 ta’ April, 2019, jintemm uffiċjalment it-terminu tal-Eċċellenza Tagħha President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca. Inħossni assigurat mill-opinjoni pubblika li l-President  Coleiro Preca wasslet lill-Presidenza ferm u ferm aktar lejn iċ-ċittadin. Inħossni ġustifikat ngħid li l-President Coleiro Preca rnexxielha tkompli tnaqqas id-distakk li seta’ kien hemm, kbir jew żgħir, bejn il-presidenza u ċ-ċittadin. Inħoss li f’idejn Marie Louise Coleiro Preca l-Presidenza tal-pajjiż saret aktar Presidenza tal-Poplu milli qatt setgħet kienet.

Huwa fatt magħruf minn kulħadd li sa minn ċkunitha Marie Louise Coleiro Preca kellha għal qalbha s-soċjal. Moħħha u qalbha dejjem kienu f’dan is-settur. Dan kien evidenti għall-aħħar kemm meta kienet taħdem fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista bħala Segretarja Ġenerali kif ukoll, u aktar, ngħid jien, meta daħlet għal aktar sehem dirett u attiv fix-xena politika, partikolarment f’kariga Ministerjali. Xiħaġa li esperjenzajtha direttament meta flimkien magħha servejt fil-Kabinett.

Marie Louise Coleiro Preca hija sinonima mal-qasam soċjali. Għaliha l-problemi u s-sofferenzi tal-batut kienu u huma l-problemi u s-sofferenzi tagħha. Għaliha l-batut ma kienx, u mhux, dak li jista’ jkollu biss problemi finanzjarji, imma wkoll dawk milqutin mill-mard, dawk mirkubin mill-problema tad-droga u l-familji tagħhom, dawk li m’għandhomx saqaf adegwat fuq rashom fost ħafna oħrajn. U għax dejjem kellha l-bibien miftuħin beraħ, għandha kienu u għadhom jaslu dawn id-diffikultajiet, dawn is-sofferenzi.

Konvint li miegħi jkun qed jingħaqad il-poplu Malti u Għawdxi meta llum ngħidu GRAZZI MILL-QALB lil Marie Louise Coleiro Preca għal dak li għamlet b’risq il-poplu tul il-Presidenza u nawguralha aktar ħidma b’risq il-poplu li għaliha dejjem kellu prominenza.

Għada, il-Ħamis, 4 ta’ April, 2019, inkunu qegħdin nagħtu merħba lill-għaxar President tar-Repubblika, it-Tabib George Vella. Nemmen bis-sħiħ li n-nomina tat-Tabib George Vella għandha l-approvazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Persuna rinomata għall-integrità u l-korrettezza tagħha u li konvint li se jkompli fuq it-tajjeb kollu tal-predeċessuri tiegħu.

Konvint li l-esperjenza vasta tiegħu fid-diplomazija u fil-politika barranija se tkun mill-aktar essenzjali biex ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-pajjiżi l-oħra mhux biss fil-Kontinent Ewropew ikomplu joktru u jissaħħu. Ma nkun qiegħed ngħid xejn barra minn loku meta ngħid li t-Tabib George Vella huwa awtorità f’dan il-qasam. Ħidmietu fil-livell Ministerjali f’dan il-qasam hija aktar minn prova ta’ dan. Miegħu wkoll kelli x-xorti li inservi fil-Kabinett u allura nista’ nitkellem b’esperjenza diretta u personali dwar il-kompetenza, l-integrità u l-onestà li huwa magħġun fihom il-President il-ġdid tar-Repubblika.

Hemm ukoll l-element professjonali tiegħu bħala Tabib tal-Familja. It-Tabib George Vella qatta’ ħafna snin minn ħajtu jmiss mal-problemi taċ-ċittadin, bil-professjoni medika tkun essenzjali għal dan. Professjoni li ddaħħlek fid-djar tan-nies u tlaqqgħek wiċċ imb’wiċċ mal-problemi mhux biss ta’ saħħa imma ta’ kull xorta oħra li l-familja konċernata tkun għaddejja minnha. Professjoni li tagħtik il-polz tan-nies direttament f’idejk.

MERĦBA MILL-QALB lit-Tabib George Vella u awguri għal presidenza li konvint li se tkompli tkun ta’ ġieħ għal pajjiżna.