BLOG: Ir-relazzjonijiet mal-unions tal-ħaddiema

BLOG: Ir-relazzjonijiet mal-unions tal-ħaddiema

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ppresedejt fuq l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv settorjali bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-UĦM-Voice of the Workers fir-rigward tal-Medical Physicians, professjonisti fil-qasam tar-radjazzjoni medika. Permezz ta’ dan il-ftehim qegħda tingħata struttura lil din il-professjoni filwaqt li qed tkun provduta t-triq ‘il quddiem għat-tisħiħ ta’ karriera għal dawk li qegħdin fiha. F’dawn l-aħħar snin bdejna taħriġ lil ħaddiema f’dan il-qasam anke barra minn Malta biex ikomplu jkattru l-esperjenza u jtejbu s-servizz li jipprovdu b’risq il-pazjenti Maltin u Għawdxin.

Dan il-ftehim la kien l-ewwel u lanqas l-aħħar wieħed tax-xorta tiegħu li  ġie ffirmat u li se jkunu ffirmati aktar ‘il quddiem fid-diversi oqsma tas-settur tas-saħħa. Kellna  diversi ftehimijiet ma’ diversi unions tal-ħaddiema, f’kull livell u professjoni. Unions li jvarjaw minn min huma l-membri tagħhom, bħall-MUMN, MAM, GWU u l-istess UĦM.

Nemmen bis-sħiħ li l-ħaddiem, hu min hu u hi x’inhi ħidmietu, għandu jkollu kundizzjonijiet tax-xogħol adekwati u xierqin. U meta ngħid kundizzjonijiet tax-xogħol adekwati u xierqin ma nkunx qed infisser biss il-parti finanzjarja, għalkemm din tista’ tidher bħala l-aktar waħda kruċjali. Huwa kruċjali għall-ħaddiem innifsu u għall-post tax-xogħol li l-ħaddiem ikun kuntent fuq xogħolu għax hija tali sitwazzjoni li minnha jkun qiegħed jibbenefika kulħadd.

U huwa għalhekk li nemmen ħafna f’relazzjonijiet mill-qrib mal-unions tal-ħaddiema u mal-importanza li l-ħaddiem ikun membru ta’ union li tirrappreżentah. Relazzjonijiet bħal dawn għandhom importanza sostanzjali biex b’ħidma kordinata nkomplu nagħtu lil pajjiżna servizz tas-saħħa mill-aqwa b’risq iċ-ċittadini tiegħu. Permezz tal-kontribut ta’ kulħadd il-qasam tas-saħħa f’pajjiżna llum huwa kklassifikat fost l-aqwa għaxra fid-dinja. Xiħaġa li għandna għalfejn inkunu kburin biha.