Iktar investiment fil-qasam tal-laparoskopija f’Mater Dei

Iktar investiment fil-qasam tal-laparoskopija f’Mater Dei

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura apparat ġdid fil-qasam tal-laparoskopija fl-Isptar Mater Dei. Permezz ta’ dan l-apparat, b’investiment ta’ madwar €700,000, se jkun jista’ jsir avvanz kbir mill-kirurgi fejn tidħol il-kirurġija invasiva.
Id-Deputat Prim Ministru qal li permezz ta’ dan l-investiment il-kirurgu se jkun jista’ jopera mingħajr il-ħtieġa li jsir qsim kbir fil-ġisem tal-pazjent, l-operazzjoni ssir aħjar, ikun hemm inqas uġigħ għall-pazjent wara l-operazzjoni u jkun jista’ jibqa’ rikoverat l-isptar għal inqas żmien, tant li dan iż-żmien huwa kalkulat li jista’ jonqos b’75%.
Huwa żied jgħid li l-pass li jmiss fil-qasam tal-kirurġija huwa li tiddaħħal is-sistema  robotika fejn il-kirurgu jkun assistit minn robot u b’hekk ikun hemm aktar perfezzjoni. Dan  mistenni jsir bejn 10 u 12-il xahar ieħor. “Ninsabu determinati bħala gvern li  nagħmlu dak kollu possibbli biex tiddaħħal aktar teknoloġija avvanzata fil-qasam tas-saħħa biex b’hekk iċ-ċittadin jkompli jingħata servizz mediku tal-aqwa kwalità,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Il-kirurgu Jo-Etienne Abela qal li l-apparat introdott huwa pass ieħor ’il quddiem fil-qasam tal-laparoskopija u li se jkun qed jagħti lill-kirurgu stampa high definition ta’ fejn se jkun qed jopera. “Permezz ta’ dan l-apparat se nkunu nistgħu nilqgħu għal aktar sfidi fil-kirurġija u se nkunu nistgħu nagħmlu operazzjonijiet akbar.” Huwa kkonferma dak li qal id-Deputat Prim Ministru fejn jikkonċerna n-nuqqas ta’ bżonn ta’ qsim kbir f’ġisem il-pazjent, inqas uġigħ u perjodu iqsar ta’ rikoverar fl-isptar. Din it-teknoloġija se jkun qed tintuża gradwalment fuq diversi speċjalitajiet.