BLOG: Ikompli jitwettaq dak imwiegħed

BLOG: Ikompli jitwettaq dak imwiegħed

Mill-bidu ta’ din il-ġimgħa ftit inqas minn 207,500 ħaddiem bdew jaslulhom fi djarhom ċekkijiet li jvarjaw minn €40 għal massimu ta’ €68 u li huma refużjoni tat-taxxa skont kif tħabbar fid-Diskors tal-Baġit għas-Sena 2019 mill-Ministru għall-Finanzi l-Professur Edward Scicluna f’Ottubru li għadda. Din hija t-tieni sena konsekuttiva li se tkun qegħda tingħata din ir-refużjoni tat-taxxa. Dan skont kif imwiegħed fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017.

Permezz ta’ din il-miżura 207,500 ħaddiem se jkunu qegħdin jingħataw bejniethom €11.5 miljun u jekk tgħodd magħhom dak li ngħata s-sena li għaddiet ikun ifisser li f’sentejn ikunu ngħataw lura lil bwiet il-poplu €23 miljun. Se jkunu qegħdin jibbenefikaw dawk il-ħaddiema kollha li kienu eliġibbli għas-Sena Bażi 2017, kemm jekk ix-xogħol tagħhom kien fultajm kif ukoll jekk kien partajm.

Skema ta’ refużjoni maħduma b’tali mod li jieħdu l-aktar dawk li jaqilgħu l-inqas. Dawk li qalgħu l-inqas se jkunu qegħdin jingħataw lura €68 filwaqt li dawk li qalgħu l-aktar se jingħataw €40. Hekk jitlob il-prinċipju tal-Ġustizzja Soċjali.

X’aktarx li jista’ jkun hemm min jgħid li ċekk ta’ €68 f’sena x’se jkun ifisser? Mhux fejn tkun tibqa’? Ma naħsibx li argument bħal dan ikun argument tajjeb. Lanqas jekk tieħu din ir-refużjoni waħedha, waħedha. Tali refużjoni trid taraha bħala parti minn kullana ta’ benefiċċji soċjali oħrajn introdotti f’qasir żmien kif ukoll mat-tibdil fir-rati tat-taxxa tad-dħul.

Ftit eżempji jsaħħu dan li qed ngħid, fosthom li għall-ewwel darba fi 11-il sena, u f’ċerti każijiet għal 23 sena, se jkunu qegħdin jiżdiedu ċ-Children’s Allowances lil familji bi dħul gross ta’ inqas minn €20,000 fis-sena, bl-ogħla rata  tiżdied sa massimu ta’ €96 fis-sena għal kull wild. Huwa kalkulat li se jkunu qegħdin jibbenefikaw madwar 16,500 familja li bejniethom għandhom aktar minn 24,500 wild. Miżura li tfisser €2 miljuni fis-sena fil-bwiet ta’ dawn il-familji.

Orbot ma’ dawn miżuri oħrajn bħalma huma ċ-Child Care b’xejn, miżura li fissret li ħafna u ħafna nisa jew se jkunu daħlu għall-ewwel darba fid-dinja tax-xogħol jew inkella reġgħu lura fiha biex ikomplu l-karriera tagħhom, li ma kienx ikun daqstant possibbli kieku ma kienx għal din il-miżura. Miżura li mhux biss tgħin finanzjarjament lil dawn il-familji bl-iffrankar ta’ flus fi ħlas għal dawn is-servizzi imma wkoll huma nfushom qegħdin jikkontribwixxu lura fi ħlas ta’ taxxa u f’kontribuzzjonijiet għas-servizzi soċjali. Nista’ nkompli b’aktar eżempji wieħed wara l-ieħor li juru kemm Il-Gvern qiegħed iwettaq dak li wiegħed u kemm dak imwiegħed ma kienx kliem fieragħ u kemm il-ġid maħluq qiegħed jasal għand kulħadd.

Sadattant jekk hemm min jaħseb li huwa eliġibbli għal din ir-refużjoni ta’ taxxa u sa tmiem din il-ġimgħa jkun għadu ma wasallux iċ-ċekk, għalkemm mhux bil-fors li ċ-ċekkijiet kollha jilħqu jaslu din il-ġimgħa, minn nhar it-Tnejn li ġej, 25 ta’ April, jista’ jċempel fuq in-numru 153 u jingħata l-informazzjoni meħtieġa.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lill-Maltin u l-Għawdxin kollha l-Għid it-Tajjeb.