Inizjattivi ġodda fi ħdan il-POYC

Inizjattivi ġodda fi ħdan il-POYC

Id-Dipartiment li jieħu ħsieb l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) nieda żewġ inizjattivi ġodda, inizjattiva minnhom hija rigward  is-sistema tal-IT integrata, filwaqt li inizjattiva oħra hija dwar il-validità tal-kartuna s-safra li se tibda tkun valida għal għaxar snin u mhux għal ħamsa.
Dan ħabbru, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt żjara li saret fl-uffiċċji tal-POYC.
Is-sistema ġdida tal-IT se tnaqqas b’mod drastiku l-ġiri bil-karti tal-pazjenti kull draba li tinbidlilhom xi ħaġa mit-trattament li jingħataw, filwaqt li se jkun qed jagħti aċċess lit-tobba biex jibdlu l-informazzjoni medika jekk ikun hemm bżonn f’ħin reali.
Il-validità għal għaxar snin tal-kartuna s-safra se tkun qed tnaqqas b’mod drastiku l-burokrazjija. “F’sena, il-POYC tqassam b’madwar €28 miljun mediċina lill-pazjenti tagħna, li fil-preżent jaqbżu l-143,000 pazjent. Matul iż-żmien, dan id-Dipartiment kompla jikber u kien strumentali f’għadd ta’ inizjattivi li saru fil-qasam tas-saħħa fosthom l-iskema għall-persuni coeliac u t-tqassim ta’ sticks b’xejn biex jiġi kkalkulat iz-zokkor lid-dijabetiċi”, qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.