BLOGG: Merħba lit-tobba l-ġodda

BLOGG: Merħba lit-tobba l-ġodda

Merħba mill-qalb lil 111-il tabib u tabiba ġodda li fil-jiem li għaddew bdew il-karriera professjonali tagħhom fl-Isptar Mater Dei u fis-sistema tas-saħħa pubblika. Nifhem l-anzjetà tagħhom f’dan il-bidu attwali tagħhom. Nifhem u nagħder il-mumenti tensi taħt it-toqol tal-piż tar-responsabbiltà. Dan kollu għaddejtu minnu jien ukoll. X’nostalġija!

Tobba li se jkunu qegħdin jingħaqdu mat-team kbir ta’ professjonisti, tobba oħrajn, infermieri u ħaddiema fis-settur tas-saħħa pubblika. Servizz li għandu bżonnhom u li se jibqa’ jkollu bżonn aktar bħalhom.

Tobba li għandhom futur sabiħ quddiemhom. Orizzonti wesgħin fejn jimirħu u li għalihom se jibqgħu jsibu l-għajnuna tagħna. Se jibqgħu jsibu l-inkoraġġiment tagħna biex ikomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom. Se nkomplu ngħinuhom jagħżlu l-branek tal-mediċina li lejhom iħossuhom inklinati l-aktar. Se nkomplu ngħinuhom biex jispeċjalizzaw fil-branek li jagħżlu huma għax finalment apparti s-sodisfazzjon għalihom personali jkunu jistgħu jikkontribwixxu aktar lill-pazjent Malti u Għawdxi.

L-investiment tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa huwa wieħed qawwi ħafna u kontinwu u la jibda u lanqas jispiċċa fl-Isptar Mater Dei, fejn ovvjament hemm il-kolp il-kbir. Il-firxa li qegħdin nagħmlu u l-enfasi fuq iċ-Ċentri tas-Saħħa fil-komunità u l-investiment finanzjarju li dan jitlob, investiment li jkopri wkoll r-riżors uman għax wara kollox mingħajr l-investiment fir-riżors uman ma jkun jiswa’ xejn l-investiment fl-apparat.

L-insistenza tagħna fuq is-servizzi konnessi mal-kura primarja minnha nnifisha wkoll titlob riżors uman professjonali. Ma nkunu qegħdin ngħidu xejn barra minn loku jekk nesprimu s-sodisfazzjon tagħna li s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna ġie klassifikat fost l-aqwa għaxra fid-dinja kollha, servizz b’xejn għal kulħadd. Meta titkellem ma’ awtoritajiet tas-saħħa ġejjin minn pajjiżi ferm u ferm akbar minna, b’riżorsi ferm u ferm aktar milli għandna aħna, xorta waħda jibqgħu mistagħġin meta jsiru jafu xi kwalità ta’ servizz tas-saħħa noffru lill-poplu tagħna. Servizz li ma jaqgħax mis-sema imma li għalih jikkontribwixxi kulħadd u f’kull livell.

Ma jfissirx li kollox ward u żahar. Inkunu qegħdin niżbaljaw jekk ngħidu hekk. Anzi. Ninsabu konxji li fadal xi jsir, imma min-naħa l-oħra meta nagħtu ħarsa lura lejn dak li wettaqna, lejn dak li qegħdin inwettqu u lejn dak li hemm pjanat li inwettqu, ninsabu kunfidenti li qegħdin nagħtu lill-poplu tagħna dak kollu possibbli. U dan b’sodisfazzjon kbir u b’apprezzament lejn kull wieħed u waħda, minn fuq s’isfel, li qegħdin jaħdmu fis-servizz tas-saħħa.

Kelmtejn tal-aħħar lit-tobba l-ġodda: Kunu kburin li qegħdin tifformaw parti minn dan it-team kbir u araw li fi tmiem il-jum, kull jum, tħossukom sodisfatti li kontu ta’ solliev, ta’ għajnuna, u ta’ tama għall-pazjenti tagħna.

Kuraġġ u awguri!