Ministri għas-saħħa Ewropej f’Malta fit-tieni anniversarju tal-Valletta Declaration

Ministri għas-saħħa Ewropej f’Malta fit-tieni anniversarju tal-Valletta Declaration

Bejn il-11 u t-12 ta’ Lulju f’pajjiżna se jkun hawn numru ta’ Ministri u rappreżentanti tal-qasam tas-saħħa ta’ diversi pajjiżi Ewropej firmatarji ta’ dik magħrufa bħala l-Valletta Declaration.
Eżattament sentejn ilu, waqt il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, u fuq inizjattiva tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, numru ta’ pajjiżi qablu li jaħdmu flimkien biex jassiguraw aċċess għall-mediċini ġodda u trattamenti innovattivi għaċ-ċittadini u dan billi jaħdmu flimkien fl-aqwa interess taċ-ċittadini Ewropej.
Dan wassal biex kull pajjiż firmatarju jkollu grupp ta’ nies tekniċi li jiltaqgħu b’mod regolari u jiffaċilitaw l-aċċess għall-mediċini. F’pajjiżna l-Valletta Technical Committee se jkun qed jiltaqa’ għat-tmien darba.
Il-Valletta Declaration hija ffirmata minn Malta, Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja.
F’għeluq is-sentejn mill-Valletta Declaration, il-Ministri għas-saħħa firmatarji se jkunu mill-ġdid qed jiltaqgħu f’pajjiżna biex jerġgħu jirriaffermaw l-appoġġ tagħhom għal din id-dikjarazzjoni, filwaqt li juru l-apprezzament tax-xogħol kollu li sar matul l-aħħar sentejn mill-Valletta Technical Committee.