BLOGG: Pjan Strateġiku għas-Saħħa Mentali 2020/2030

BLOGG: Pjan Strateġiku għas-Saħħa Mentali 2020/2030

Issa ilna għaddejjin mhux ħażin f’ħidmietna fuq Strateġija Nazzjonali għas-Saħħa għas-Snin 2020/2030. Fit-tnedija ta’ din il-ħidma konna ddikjarajna li l-ewwel xogħol tagħha kien se jkun iffukat fuq il-qasam tas-saħħa mentali. Huwa għalhekk b’sodisfazzjon kbir li llum, b’konformità ma dik id-dikjarazzjoni, se nkunu qegħdin inħabbru l-Pjan Strateġiku għas-Saħħa Mentali 2020/2030.

F’Diċembru tas-sena li għaddiet konna nedejna eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dan il-qasam, eżerċizzju li kien mifrux sa tmiem Frar li għadda. Apprezzajna ferm il-fatt li tul dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni daħlu aktar minn 40 sottomissjoni. Sottomissjonijiet li ġew evalwati waħda waħda u fuq il-merti tagħhom. Kollha servew ta’ għajnuna kbira fit-tfassil ta’ dan il-pjan strateġiku. Lil dawk li għamlu dawn is-sottomissjonijiet ħajr mill-qalb u apparti l-apprezzament għamilna dak kollu possibbli bilgħan li l-kontribuzzjonijiet li saru jkunu riflessi fid-dokument tal-pjan strateġiku. Strateġija li se sservi ta’ gwida fl-implimentazzjoni tal-investiment u riformi li se jpoġġu s-saħħa mentali u t-trattament ta’ mard mentali fil-qalba tal-aġenda tal-qasam tas-saħħa għas-snin li ġejjin.

Bħala Gvern ninsabu determinati li nagħmlu dak kollu meħtieġ biex nittrasformaw b’mod pożittiv is-settur tas-saħħa mentali. Biex żgur inkunu qegħdin nikkristallizzaw l-intenzjoni tagħna għal dan il-qasam żidna l-baġit allokat għal din is-sena b’aktar minn €9 miljuni. Madankollu dan waħdu mhux biżżejjed. Neħtieġu l-għajnuna ta’ kulħadd f’ħidmietna biex nippromwovu kemm jista’ jkun aktar is-saħħa mentali. Biex nestendu aktar is-servizzi konnessi magħha fuq bażi ta’ komunità. Biex nassiguraw parità fis-servizzi tas-saħħa mentali u biex niggarantixxu kura mill-aqwa f’ambjent ta’ appoġġ kemm lill-pazjenti li jkunu jeħtieġu l-kura kif ukoll lill-professjonisti, f’kull livell, li jipprovduha.