BLOGG: Il-festi fl-ibliet u l-irħula tagħna

BLOGG: Il-festi fl-ibliet u l-irħula tagħna

Ninsabu pjuttost fl-eqqel tal-istaġun tal-festi tradizzjonali li jsiru fl-ibliet u l-irħula tagħna. Staġun li matulu naraw lill-lokalitajiet litteralment jinbidlu, partikolarment iċ-ċentri tagħhom u l-knejjes parrokkjali. Jitlibbsu l-libsa tal-festa! Staġun li matulu tista’ faċilment tinnota r-rikkezzi li għandu pajjiżna, rikkezzi li mhux biss iġorru magħhom tradizzjonijiet u storja imma jirriflettu wkoll talenti kbar. Jirriflettu wkoll rikkezza oħra tal-poplu Malti u Għawdxi, ir-rikkezza tal-volontarjat.

Għax ngħiduha kif inhi, kieku ma kienx għall-volontarjat ħafna u ħafna mit-tiżjin li naraw, kemm fil-knejjes u kemm fit-toroq ma narawhx.  Mhux ma narawhx armat imma lanqas maħdum. L-istess fejn jirrigwarda nar, kemm tal-ajru kif ukoll nar tal-art. L-affarijiet li qegħdin naraw fl-arti piroteknika ma tistax ma jiġbdulikx l-attenzjoni. Titkellem ma’ dawk li jaħdmu n-nar u tismagħhom jispjegawlek kemm jinvolvi xogħol, ħin u ovvjament periklu tapprezza ferm aktar il-kuluri sbieħ u l-mod kif jiffurmaw il-murtali fl-ajru. Tapprezza ferm aktar is-sinkronizzar tal-movimenti fin-nar tal-art. Tapprezza aktar kemm għandna talenti li forsi mhux daqshekk konxji minnhom.

Nosserva dan kollu waqt iż-żjarat li qed nagħmel tista’ tgħid kull tmiem il-ġimgħa f’diversi lokalitajiet fejn ikunu qegħdin jiġu ċelebrati l-festi. Tieħu gost tara  dak l-entużjażmu mhux biss fost iż-żgħażagħ. Dik l-atmosfera ferriħija partikolarment waqt il-marċi brijużi u għal min hu dilettant tal-baned allura anke waqt il-programmi vokali u strumentali minn fuq il-planċier. Tapprezza direttament l-kapaċitajiet tas-surmastrijiet u tal-bandisti.

Dan iwassalni għal qasam importanti ieħor fejn jirrigwarda l-festi, element importantissimu u b’rwol essenzjali ħafna fl-irħula u fl-ibliet tagħna. Qed nirreferi għas-soċjetajiet mużikali. Qasam li wkoll huwa mibni fuq il-volontarjat. Tul iż-żjarat li nagħmel għand dawn is-soċjetajiet  napprezza ferm kemm huma strumentali għat-tixrid tal-kultura f’pajjiżna. Meta tikkonsidra l-faċilità li joffru lit-tfal tagħna fejn jidħol tagħlim tal-mużika, tagħlim professjonali bla ebda ħlas kif ukoll li jipprovdulhom l-isturmenti li lejhom ikunu inklinati allura għandu jkun apprezzat ferm ix-xogħol volontarju u l-ħidma tul is-sena kollha li s-soċjetajiet mużikali qegħdin iwettqu fl-ibliet u fl-irħula tagħna. Forsi ma napprezzawx biżżejjed il-kontribut tagħhom lejn l-istorja kulturali ta’ pajjiżna. Iż-żminijiet tal-lum jitolbu tmexxija professjonali ta’ dawn is-soċjetajiet, u huwa dan li filfatt qegħdin naraw u jkun ferm żbaljat min jitkellem dwar is-soċjetajiet mużikali bħal donnu dawn huma għaqdiet tal-ħabba gozz. Ir-rwol li għandhom is-soċjetajiet mużikali fiż-żamma u fl-iżvilupp tal-festi tagħna huwa mill-aktar essenzjali.

Filwaqt li nuri l-apprezzament tiegħi għall-volontarjat rifless f’xogħol kbir b’risq il-festi tradizzjonali nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk li ħidmiethom għal din is-sena diġà għaddiet, nawgura suċċess u sodisfazzjon lil dawk li l-festi tagħhom se jkunu qegħdin jiġu ċelebrati tul il-kumplament ta’ dan is-sajf. Se jkompli jkun ta’ sodisfazzjon għalija li nżur kemm jista’ jkun minnhom. Il-festa t-tajba lil kulħadd.